TQASSIM TAL-FOND TA’ KO-FINANZJAMENT LILL-KUNSILLI LOKALI
9 Kunsilli Lokali u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali jiġu mgħejjuna mill-fond ta’ kofinanzjament għall-Kunsilli Lokali
Fl-2009 il-Gvern alloka €303,000 biex ikun ta’ spalla għal dawk il-Kunsilli Lokali li jkunu applikaw għal proġetti taħt programmi differenti tal-UE u li jkunu ġew approvati. Illum is-Segretarju Parlamentari għall-Konsultazzjoni Pubblika u Informazzjoni, l-Onor Chris Said, qassam allokazzjoni finanzjarja lil 9 kunsilli lokali u lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali għal 11-il proġett Ewropew li qed jipparteċipaw fihom. Din l-attività saret fi Ġnien il-Gardjola fl-Isla.
Dr. Chris Said qal li dan il-fond qed jgħin biex il-Kunsilli Lokali jsiru iktar pro-attivi biex japplikaw u jipparteċipaw fi proġetti Ewropej. Hu stqarr li l-Kunsilli jkunu ppreparati biex joħolqu u jirrealizzaw proġetti, pero’ waħda mill-iktar affarijiet li żżommhom lura milli jagħmlu dan hija l-problema tal-finanzi. Għaldaqstant dan il-fond qed jirrispondi għall-problema billi jistimula lill-Kunsilli Lokali biex jirnexxilhom iwettqu dawn il-proġetti permezz ta’ sors addizjonali ta’ fondi li qed jikkumplimenta fondi eżistenti oħra. B’dan il-mod il-Gvern qed jiffaċilita r-riżorsi finanzjarji għall-implimentazzjoni tal-proġetti Ewropej tal-Kunsilli Lokali.
Is-Segretarju Parlamentari faħħar ukoll il-Funding Unit tal-MEUSAC li permezz tal-għajnuna tagħha għenet biex l-ammont ta’ kunsilli lokali li qed jibbenefikaw minn programmi tal-UE jikber drastikament. Filwaqt li bejn l-2004 u l-2008, il-Kunsilli Lokali kienu bbenefikaw minn €1.8miljun Ewro, fl-2009 biss, it-total ta’ fondi li ħadu tela’ għal €3.8. Din tisboq il-mira ta’ €3 miljuni li kienu proġettati għal din is-sena. Is-Segretarju Parlamentari Said kompla jgħid li l-mira għas-sena 2010 hi li l-Kunsilli Lokali jiksbu €6 miljun b’fondi Ewropej għal proġetti u inizjattivi għal-lokalitajiet.
Chris Said qal li l-ammont għall-fond ta’ ko-finanzjament fl-2010 se jikber għal €500,000 biex b’hekk ikunu jistgħu jiġu assistiti ammont ikbar ta’ Kunsilli Lokali.
Il-Kunsilli Lokali li ġew aċċettati biex jibbenefikaw minn dan il-fond huma l-Birgu, l-Għarb, il-Ħamrun, Ħal Kirkop, Ħad-Dingli, l-Isla, l-Imtarfa, San Lawrenz, Valletta u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.
Il-proġetti jvarjaw skond programmi differenti, bħal programm Kultura li minnu bbenefika l-Kunsill tal-Birgu għall-proġett tiegħu Oralities. L-għan tal-proġett huwa li tinżamm ħajja t-tradizzjonli tal-wirt intangibbli orali permezz tal-mużika u l-lingwa, u li jippromwovi l-koperazzjoni kulturali bejn il-parteċipanti.
Numru ta’ kunsilli lokali ġew mgħejjuna taħt il-Programm Ċittadini għall-Ewropa, fosthom il-Kunsill Lokali tal-Ħamrun li permezz tal-proġett tiegħu ġie ppremjat bil-Golden Stars Award. Il-proġett ta’ Wied il-Mielaħ tal-Għarb ukoll ibbenefika mill-fond ta’ ko-finanzjament. - għan ewlieni ta’ dan il-proġett huwa li jirrikonoxxi l-valur ambjentali u ekoloġiku ta’ Wied il-Mielaħ, billi tittejjeb l-aċċessibilità, bit-twettiq ta’ xogħlijiet ta’ tindif, rikostruzzjoni tal-ħitan tas-sejjieħ mitluqa, kostruzzjoni ta’ ilqugħ għall-ilma (digi) u tisbiħ taż-żona. Il-Kunsill Lokali qed jintroduċi wkoll faċilitajiet turistiċi u qed jippromwovi Wied il-Mielaħ bħala prodott turistiku differenti.
